Thursday, November 26, 2009

Ġawhriet

Hemmek, fil-kamra, jien kont.
Hemmek, fil-kamra, int kont.

Minn hemmek wasalt biex nitlaq fil-pront.
Minn hemmek ħarist lejja b'dawk il-ġawhriet fit-tond.

X'ġibda inkombattibbli, ssaħħart u ssammart, dik il-kilba!

Qatt ma rajtha - qatt ma stennejtha - qatt ma ħassejtha.

Sibtek, sibtni, sejjaħtli u ħallejtek.
Mingħalik tlaqt, imma qalbi waqfet fejnek.

Sunday, November 15, 2009

Il-Qirda ta' Novembru (It-Tielet Parti) - Staqsini

Nisma, nifhem u nistaqsi fejn ma fhimtx,
ġenwinament smajt dak kolli li kellek x'tgħid.

Waqaft, ġejt u erġajt poġġejt nisimgħak;
ġurnata wara l-oħra, dejjem kont hemmek.

Imma lili, qatt ma staqsejtni xejn.

Il-Qirda ta' Novembru (It-Tieni Parti) - Inwerżaq

Maqful ġo kamra ndur u ndur.
Inwerżaq u ngħajjat u għaliex ma nafx.
Inħabbat, nissabbat, nitmiegħek u ninstabat.
Inwerżaq u ngħajjat, u xorta għaliex ma nafx.

Inħares mit-tieqa għal barra u nwerżaq,
inħares mit-tieqa ghal ġewwa u nwerżaq.
Werżaqt u għajjatt sa' ma nħnaqt u tfottejt,
ax ngħajjat u nwerżaq aktar ma stajtx.

Imma l-ġenn għadu hemm.