Sunday, April 12, 2009

Tbissim u Qerq

Taċċetta, għax hekk ikollok.

Tipprova, għax hekk tixtieq.

Tiċċajta, għax hekk hemm bżonn.

Titbikkem, għax raġuni ohra m'hemmx.

Tasal, tersaq, tinstabat u tintmesaħ. Tinkines, tintrema, tintuża u tinstama'.

Fuq l-għatba mitfuh, bieb mgħaluq ta' proxxmu mhux mgħaruf. Dawl iteptep, riħ ivenven, xita tqattar, demm jinxtered. Demm ġewwieni, mhux barrani, sħun sħun jinfirex ġewwa dan il-ġisem għani.

Fewġa ħelwa, uġiegħ stramb, sider tqil, minfejn ġej dan l-għawġ? Arloġġ ħazin, tokk maqbuż, ħoss il-polz, għax ma tafx fejn qed jiġri.

Ħsibijiet, immaġinazzjoni, xewqat u presunta azzjoni. Mistoqsijiet, dubji, teoriji u fallimenti. Ċansijiet, kliem fieraħ, kliem xieraq u ferh bil-bżieżaq. Apoloġiji, skużamenti, xorb żejjed u ħafna lmenti.

Trejs u flixken u memorji imkissrin, għodwa ġdida, persuna antika, għemil ġdid, disjpaċir antik.

Mistoqsijiet, indeċiżjonijiet, kurżitajiet u immaġinazzjonijiet.

Spettattivi, xewqat, diżappunti u taħwid. Dwal, teptip, textix u storbju, kliem mifxul, paroli mfixkel, diskors mhux possibbli, diskors isir, jien fejn jien, x'qed ngħamel hawn, x'qed ngħid u x'qed inħawwad, għada x'ħa ngħid u x'ħa nerga nħawwad, għinuni noħrog minn dan l-isqaq għax għal ġol-ħajt u tmiemi zgur ħa nsarraf.

Għidli naqra xi trid mingħandi? Għidli naqra xi tridu minni? Ma tridunix ngħid x'irrid, ma tridux tgħidu xi tridu, tridu tilgħabu, tridu tgħiru, tridu tweġġaw, tridu tfixklu. Ma tridu l-ebda minn dawn l-affarijiet. Tridu kollox u ma tridu xejn.

Tersqu viċin biex tersqu l-bogħod, titfu d-dwal biex taraw aħjar, tqumu kmieni biex tmorru tard, tiftħu għajnejnkom biex torqdu aħjar. Ma nistax nifhem dak li ma jinftiehemx, ma nistax nilgħab logħba li ma tintlagħabx, li ma fihiex liġi, li ma fihiex fidi.

Għalfejn, għaliex, kif u il-għala? Żgur mhux ċert miniex nifhem din l-għala.

No comments:

Post a Comment